
Spazju Kreattiv u ċ-China Cultural Centre in Malta (iċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta – CCC), f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) u l-Valletta Design Cluster (VDC), jistiednu lill-individwi kreattivi Ċiniżi mill-oqsma kollha sabiex japplikaw għal programm ta’ artist-in-residence (artisti li jiġu mistiedna jgħixu ġewwa l-istituzzjoni) li huwa immersiv u bbażat fuq il-komunità. It-tul jista’ jvarja minn tliet (3) sa erba’ (4) ġimgħat għall-proġetti ta’ residenza li jseħħu bejn Ġunju u Diċembru 2022.
Ir-residenza għall-artisti Ċiniżi hija bbażata fuq il-kuntest tal-missjoni ta’ Spazju Kreattiv biex ikun katalist tal-espressjoni kontemporanja, tal-missjoni taċ-China Cultural Centre in Malta biex iħeġġeġ l-iskambju bilaterali kulturali bejn iċ-Ċina u Malta permezz ta’ firxa ta’ laqgħat kreattivi, u l-għan tal-Valletta Design Cluster li jkun spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva.
F’tali qafas, ir-residenza għandha l-għan li tarrikkixxi d-diversità kulturali fix-xena kreattiva nazzjonali billi tħeġġeġ laqgħat u skambji bejn artisti internazzjonali u Maltin, il-kollaboraturi u l-komunitajiet kreattivi kif ukoll l-ambjenti fiżiċi u virtwali. Il-qafas ta’ residenza se jipprovdi l-ħin għar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll opportunitajiet biex wieħed jinvolvi ruħu fil-komunitajiet fil-preżentazzjoni tax-xogħol.
Dawk li huma interessati jistgħu japplikaw għall-oqsma tal-Programm ta’ Residenza tal-Artisti li ġejjin:
- Residenza ta’ Spazju Kreattiv u tal-Artisti CCC f’Malta f’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster
Tul tar-Residenza: Minn 3 sa 4 ġimgħat
Post tar-Residenza: Valletta, Malta
Numru ta’ Residenzi: 1
Spazju Kreattiv u ċ-CCC, f’kollaborazzjoni mal-VCA u l-VDC, qed ifittxu proposti għar-residenzi fi spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsabu fil-bini rinnovat ta’ Il-Biċċerija fil-Belt Valletta. Il-Valletta Design Cluster jifforma parti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, organizzazzjoni ta’ legat mill-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Belt Valletta, Malta fl-2018. Se tingħata preferenza lill-applikazzjonijiet li jittrattaw prattiki kreattivi kontemporanji.
Dawn ir-residenzi jfittxu li jipprovdu opportunitajiet magħżula għall-artists-in-residence biex jikkollaboraw ma’ komunitajiet lokali speċifiċi li jkollhom interess kondiviż fi tradizzjonijiet twal, tendenzi soċjali u prattiki kreattivi kontemporanji, inkluż l-involviment mal-kultura materjali (“għemil”), l-ispazju urban u l-prattiki ta’ placemaking (approċċ b’diversi elementi għall-ippjanar, id-disinn u l-ġestjoni ta’ spazji pubbliċi). L-artisti/l-individwi kreattivi se jkollhom l-opportunità li jużaw il-faċilitajiet tal-Valletta Design Cluster, inkluż it-tagħmir tal-fabbrikazzjoni diġitali fl-ispazju tiegħu fejn dawn jiltaqgħu jaħdmu fuq proġetti u jaqsmu ideat, eċċ., il-faċilitajiet ta’ ko-ħidma, il-kmamar tal-laqgħat/fejn jaħdmu, l-ispazju għall-ikel, u żoni pubbliċi inkluż il-ġnien fuq il-bejt tiegħu.
F’każ li l-applikant ikun iktar milli artist/prattikant waħdani, għandha tiġi pprovduta ġustifikazzjoni li turi kif it-tema identifikata se tkun indirizzata b’mod multidixxiplinarju u b’diversi persepttivi.
Prijoritajiet tal-Programm ta’ Residenza tal-Artisti
L-applikazzjonijiet se jkunu kkunsidrati fir-rigward tal-viżjoni strateġika ġenerali ta’ Spazju Kreattiv iffokata madwar l-Eċċellenza Artistika, Involviment mal-Komunità u l-Internazzjonalizzazzjoni, u l-għanijiet taċ-CCC, tal-VCA u tal-VDC rispettivament; madankollu, se tingħata prijorità lil dawk l-applikanti li jfittxu li:
- jikkollaboraw direttament u b’mod attiv mal-komunitajiet u l-kulturi lokali;
- għandhom ir-rieda li jinteraġixxu/joħolqu network b’mod produttiv ma’ individwi kreattivi u/jew organizzazzjonijiet Maltin;
- jaħdmu f’kuntest li jirrigwarda direttament il-programm/i elenkati ta’ Spazju Kreattiv;
- jippreżentaw forom kreattivi li bħalissa ħerġin jew mhumiex daqstant irrappreżentati f’Malta u f’Għawdex.
Kundizzjonijiet
L-applikanti magħżula se jkollhom l-ispejjeż koperti għall-oġġetti t’hawn taħt:
- Titjiriet (sussidju massimu ta’ €1,500)
- Akkomodazzjoni
- Trasferimenti minn u sal-ajruport
- Ikel ta’ kuljum
- Allowance għall-proġett
B’żieda ma’ dan t’hawn fuq, l-applikanti magħżula se jkunu pprovduti b’assistenza professjonali fil-koordinazzjoni u l-iżvilupp tal-inizjattiva.
*L-applikazzjonijiet huma miftuħa biss għaċ-ċittadini Ċiniżi b’għarfien sod tal-lingwa Ingliża.
Timeframes
Is-sejħa tiftaħ nhar it-Tlieta, is-7 ta’ Diċembru 2021
Is-sejħa tagħlaq nhar it-Tnejn 28 ta’ Frar 2022
Id-deċiżjonijiet jiġu kkomunikati sat-Tnejn 28 ta’ Marzu 2022
Aktar informazzjoni:
Il-viżjoni strateġika ta’ Spazju Kreattiv: https://kreattivita.org/en/call/#strategic-vision
Il-Qafas ta’ Programm ta’ Residenza tal-Artisti u residenzi passati: https://kreattivita.org/en/artists-residency/
Valletta Design Cluster: https://www.vca.gov.mt/en/valletta-design-clusterChina Cultural Centre in Malta: https://www.facebook.com/cccmalta/



L-applikazzjonijiet ingħalqu.