Complicit: A Michael Haneke Retrospective

Complicit: A Michael Haneke Retrospective
One event on 6 Ġunju 2025 at 7:30 pm
One event on 4 Lulju 2025 at 7:30 pm
One event on 20 Ġunju 2025 at 7:30 pm
“Il-film huwa 24 gidba kull sekonda għas-servizz tal-verità, jew għas-servizz tat-tentattiv li tinstab il-verità” – Michael Haneke
Haneke żviluppa stil li jgħaqqad b’mod artikolat il-kritika soċjali ma’ ċinema ta’ ġmiel traxxendentali fil-preċiżjoni, l-iskop u l-umanità tagħha. Għalkemm ix-xogħol tiegħu jħarbat il-forma u jfakkarna fl- artifiċjalità, xorta waħda jżomm il-qawwa emozzjonali ta’ dawn id-drammi li spiss iħawwdu; iżda hemm faraġ li wieħed isib meta jiffaċċja l-biżgħat tiegħu – u ċertezza fil-fatt li dawn huma universali. Billi jbassar l-għeja tal-kompassjoni u l-effett paralizzanti li ċ-ċiklu ta’ aħbarijiet tal-lum għandhom fuqna, bi previżjoni tal-biża’, Haneke jħares fejn oħrajn jibżgħu jħarsu. Fid-dinjiet tiegħu, aħna lkoll kompliċi – kemm hu, kemm int. Filwaqt li jżommuna responsabbli, għalkemm b’empatija u spiss b’umoriżmu skur, dawn il-films jisfidawna biex inħarsu lil hinn mill-marda soċjali u nistaqsu lilna nfusna x’rwol għandna f’din id-dinja. Jekk iżżomm għajnejk fuqhom biżżejjed, forsi tibda tara dan ir-rwol b’mod aktar ċar.
Ara l-istil uniku tiegħu fiċ-ċinema li jgħaqqad il-kritika soċjali mal-preċiżjoni ċinematika, inklużi l-verżjonijiet restawrati ġodda u spettakolari f’2K tal-films THE PIANO TEACHER, HIDDEN (CACHÉ), THE WHITE RIBBON u AMOUR.
The Piano Teacher (2001)
Data u ħin: Il-Ġimgħa, 6 ta’ Ġunju 2025 7.30pm
Ċert 18
Sagħtejn u 5 minuti
Bil-Franċiż u bil-Ġermaniż b’sottotitli bl-Ingliż
Isabelle Huppert tagħti prestazzjoni ta’ intensità emozzjonali straordinarja fil-parti ta’ Erika Kohut – mara ta’ età medja repressa li tgħallem il-pjanu fil-Konservatorju ta’ Vjenna. Meta wieħed mill-istudenti tagħha, Walter Klemmer, żagħżugħ attraenti u kunfidenti, jipprova jisseduċiha, il-ħitan li Erika kienet bniet madwar id-dinja magħluqa tagħha jinkisru għal kollox – u hekk tinħeles xewqa estrema u inkontrollabbli li kienet ilha mrażżna ġewwa fiha.
Hidden (Caché) (2005)
Data u ħin: Il-Ġimgħa, 20 ta’ Ġunju 2025 7.30pm
Ċert 15
Siegħa u 53 minuta
Bil-Franċiż b’sottotitli bl-Ingliż
Thriller psikoloġiku rebbieħ ta’ premjijiet bl-interpretazzjoni ta’ Juliette Binoche u Daniel Auteuil.
Georges, li jmexxi programm ta’ reviżjoni letterarja fuq it-televiżjoni, jibda jirċievi pakketti b’filmati tiegħu stess mal-familja tiegħu – miġbudin bil-moħbi mit-triq — flimkien ma’ tpinġijiet allarmanti li t-tifsira tagħhom mhix ċara. Ma jkollux idea min jista’ jkun qed jibgħathom. Bil-mod il-mod, il-filmati fuq it-tapes isiru aktar personali, u jissuġġerixxu li min qed jibgħathom ilu jaf lil Georges għal xi żmien. Georges iħoss sens ta’ theddida mdendla fuqu u fuq il-familja tiegħu…
The White Ribbon (2009)
Data u ħin: Il-Ġimgħa, 4 ta’ Lulju 2025 7.30pm
Ċert 15
Sagħtejn u 18-il minuta
Bil-Ġermaniż, bit-Taljan u bil-Pollakk b’sottotitli bl-Ingliż
F’raħal żgħir fin-naħa ta’ fuq protestanta tal-Ġermanja, lejlet l-Ewwel Gwerra Dinjija, iseħħu sensiela ta’ inċidenti inkwetanti u ta’ dwejjaq. Meta jittieħdu kollha flimkien, dawn l-avvenimenti jassumu xejra ta’ ritwal fejn il-kastig u t-tortura jiddominaw. Iżda l-identità ta’ min hu wara dan kollu tibqa’ misteru. Għalliem tal-iskola li jkun qed josserva l-iżvilupp ta’ dawn l-inċidenti jiddeċiedi jinvestiga u, ftit ftit, jiskopri l-verità inkwetanti.
Amour (2012)
Data u ħin: Il-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju 2025 7.30pm
Ċert 12
Sagħtejn
Bil-Franċiż b’sottotitli bl-Ingliż
Id-drama ta’ Michael Haneke, rebbieħa tal-Oscar u tal-Palme d’Or, hija ritratt profondament emozzjonanti ta’ koppja anzjana li taffaċċja l-akbar sfida ta’ ħajjitha. Georges u Anne għandhom aktar minn tmenin sena. Huma għalliema tal-mużika rtirati u raffinati. It-tifla tagħhom, li wkoll hija mużiċista, tgħix barra mal-familja tagħha. Darba minnhom, Anne jkollha puplesija.
Minn hemm ’il quddiem, l-imħabba tal-koppja tgħaddi minn prova kbira.
Informazzjoni fuq il-Biljetti
Informazzjoni fuq il-Post