Dance Festival Malta

Dance Festival Malta
Dance Festival Malta huwa festival multidixxiplinarju vibranti ddedikat għat-tisħieħ tal-ekosistema tad-danza f’Malta billi joffri lill-istudenti u lill-professjonisti pjattaforma dinamika għal taħriġ intensiv u tkabbir artistiku. Imtella’ fuq erbat ijiem f’Lulju, il-festival jinkludi programm ta’ workshops, masterclasses u prestazzjonijiet li jiċċelebraw kulturi differenti taż-żfin.
Prestazzjonijiet – Dance Festival Malta Jum 2B
Data u Ħin: Il-Ġimgħa 25 ta’ Lulju, 6:15pm – 7:00pm
Tul: 45 minuta
Post: It-Teatru ta’ Spazju Kreattiv, Valletta.
Valentina Cauchi (Malta) – Parentology
Dwar
Din il-prestazzjoni teħtieġ biljett. Jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima tal-informazzjoni dwar il-biljetti.
Ġurnata minnhom tkun qed tixrob gin u tonic il-Ġimgħa filgħaxija, u f’daqqa waħda ssib ruħek tnaddaf il-maħta tat-tifel tiegħek minn fuq il-flokk u tistaqsi lilek innifsek: kif spiċċajt hawn? Parentology hija attentat umoristiku – u forsi wisq onest – biex nifhmu l-ħajja wara li ssir ġenitur. Il-prestazzjoni hija ispirata minn kummiedji tal-istand-up u dawk taż-żfin. Parentology hija one-woman show b’script oriġinali bbażat fuq ġrajjiet personali veri, maħluqa bħala tentattiv biex wieħed jifhem ir-responsabbiltà ġdida li ġġib magħha meta ssir ġenitur.
Ħajr
Koreografa: Valentina Cauchi
Script: Valentina Cauchi
Vocal Coach: Erica Muscat
Żeffiena: Martina Zammit
Kim Ellul (Malta) – Find Your Yellow
Dwar
Din il-prestazzjoni teħtieġ biljett. Jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima tal-informazzjoni dwar il-biljetti.
L-isfar, kulur li ħafna drabi nassoċjawh mal-ferħ u l-pożittività, jissimbolizza d-dawl li l-ħbiberija vera ġġib f’ħajjitna. F’dinja mimlija relazzjonijiet superfiċjali, Find Your Yellow tesplora l-impatt profond tar-relazzjonijiet sinifikanti. Il-prestazzjoni tibda biż-żeffiena iżolati, b’movimenti inċerti li jirriflettu s-solitudni u t-tfittxija għar-relazzjonijiet u l-konnessjonijiet. Gradwalment, jitfaċċaw mumenti ta’ interazzjoni, hekk kif il-parteċipanti flimkien jesploraw temi ta’ fiduċja, appoġġ u hena. Il-moviment juri t-transizzjoni ta’ persuna mis-solitudni għal meta din jirnexxilha ssib relazzjonijiet ġenwini. Fil-qalba tagħha, Find Your Yellow hija ċelebrazzjoni tal-ħbiberija bħala sors ta’ reżiljenza u tama. Permezz ta’ relazzjonijiet ġenwini jirnexxilna negħlbu l-isfidi tal-ħajja u nixħtu u ndawwlu l-aktar mumenti mudlama.
Ħajr
Koreografa u Żeffiena: Kim Ellul
Żeffiena/ Kollaboraturi: Alexandra Raach & Clare Smith
Dorka Késmárki (Ungerija) – Trans[Ition]//:s.
Dwar
Din il-prestazzjoni teħtieġ biljett. Jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima tal-informazzjoni dwar il-biljetti.
Bomba atomika f’Hiroshima. Smajtha? Jien smajtha… U l-mużika monotona li tkissirlek moħħok wara li ddum tismagħha ħafna? Dik qas hi l-agħar biċċa… Wara l-isplużjoni, li kienet segwita minn għajta li tidħol fl-għadam, fil-ġogi, fil-muskoli… mutazzjonijiet ikkawżati mir-radjazzjonijiet li biddlu s-soċjetà, u li jservu ta’ metafora għall-evoluzzjoni tal-identità u l-aċċettazzjoni tal-ġeneru. Skont dan, dawn is-sentimenti kienu magħna sa mit-twelid, imma ngħixu taħt oppressjoni, anke minna nfusna stess, għax nibżgħu naċċettaw min aħna tassew. Filwaqt li individwi jinnavigaw il-perċezzjoni tagħhom infushom u aljenazzjoni mis-soċjetà, il-vjaġġ ta’ protagonist wieħed jenfasizza r-reżiljenza u l-kuraġġ li wieħed jgħix ħajja awtentika, u joffri tama għal futur iktar inklużiv. U taf xiex? Ovvjament, il-ġenn li ġie esplorat, ġej mill-imħabba… mill-imħabba bla tarf.
Ħajr
Koreografa u Żeffiena: Dorka Késmárki
Poeżiji: Dorka Késmárki
Warren Bonello (Malta) – Shadows of Influence
Dwar
Din il-prestazzjoni teħtieġ biljett. Jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima tal-informazzjoni dwar il-biljetti.
F’Shadows of Influence, ħames żeffiena minn sfondi differenti jingħaqdu biex jesprimu l-kumplessitajiet tal-manipulazzjoni soċjali u governattivi. Permezz ta’ taħlita ta’ stili taż-żfin kontemporanju u kummerċjali, kull artist jesprimi esperjenzi personali relatati mal-pressjonijiet u l-kontrolli soċjali. Hekk kif jinnavigaw pajsaġġ metaforiku, il-movimenti tagħhom juru t-tensjoni bejn l-individwalità u l-konformità. Il-koreografija tesplora temi ta’ sorveljanza, propaganda u l-ġlieda għall-verità personali kontra l-isfond ta’ aspettattivi soċjali. Kull żifna tirrappreżenta leħen distint—l-influencer innoċenti, il-ħassieb kritiku, il-magħkus, ir-ribelluż, u l-imnebbaħ. Fl-aħħar, il-prestazzjoni tispiċċa b’dimostrazzjoni qawwija ta’ għaqda, u tfakkar lill-udjenza fis-saħħa tar-reżistenza u l-importanza li wieħed jerġa’ jikseb il-kontroll fuq in-narrattiva tiegħu.
Abigail Agius (Malta/Franza) – Għabex
Dwar
Din il-prestazzjoni teħtieġ biljett. Jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima tal-informazzjoni dwar il-biljetti.
Għabex: mument ta’ transizzjoni. Punt fil-ħin imdendel bejn il-ġurnata u l-lejl. Fit-tarf: fl-aħħar ta’ xi ħaġa, u fil-bidu ta’ xi ħaġa oħra. Jibqgħu traċċi tal-passat. Jibdew jidhru sinjali ta’ dak li ġej. Il-mument li nippruvaw inkejlu ż-żmien, dan jgħib. Aħna nqisu ż-żmien bħala lineari, iżda fl-esperjenza individwali tagħna, iż-żmien jimxi: jgħaġġel u jnaqqas. Din il-prestazzjoni tfittex li tibqa’ f’dak l-ispazju li jgħaddi malajr. Mdendla bejn it-tmiem u l-bidu, Għabex tittratta l-mument tal-għabex permezz tal-ġisem, u tesplora l-possibbiltajiet ta’ eżistenza fil-mixja taż-żmien.
Ħajr
Direzzjoni u Koreografija: Abigail Agius
Ko-Koreografa u Direttur tal-Provi: Zoe Camilleri
Żifna: Niels Plotard
Kompożitur: Christian Galea
Sound Design: Niels Plotard
Kostum: Zowij Camilleri
Dance Festival Malta huwa organizzat minn Festivals Malta u appoġġjat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Il-festival huwa sponsorjat minn Visit Malta, GSD u APS Bank. Dance Festival Malta Day 2B qed jittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv.
Informazzjoni fuq il-Biljetti
Informazzjoni fuq il-Post