EMM – Synth DIY Workshop
- This event has passed.
EMM – Synth DIY Workshop
Għal darb’oħra Electronic Music Malta (EMM) qiegħda tistiednek għal workshop u preżentazzjoni li titratta d-dinja affaxxinanti tal-bini u pproġettar ta’ apparat li jiġġenera ħsejjes elettroniċi simili għal dawk ta’ synthesizers u drum machines.
L-ewwel parti ta’ din l-attivita ħa tikkonsisti f’dimostrazzjoni ta’ apparat iddisinjat minn produttur lokali fil-waqt li t-tieni parti dawk preżenti se jieħdu sehem f’workshop fejn ħa jibnu apparat li jiġġenera ħoss ta’ sirena.
Fl-ewwel parti, il-produttur lokali tal-mużika elettronika Christian Attard (magħruf aħjar bl-isem artistiku ta’ Gh⊕s††) ħa jippreżenta kontrollur tal-MIDI li ddisinja hu bl-isem ta’ ĊuqlAIta. Infatti, f’din l-aħħar sena Christian bis-saħħa ta’ għajnuna mill-intelliġenza artifiċjali online, b’esperjenza fl-użu ta’ ssaldjar, l-użu ta’ apparat elettroniku magħruf bħala ‘Arduino’ u l-ipprogrammar tagħhom huwa ħoloq l-ewwel prototip taċ-ĊuqlAIta. Christian ħa jispjega l-istadji li hu għadda minnhom sabiex bena l-ewwel kontrullur tal-MIDI b’dan il-kunċett u ħa jagħti opportunita lil dawk preżenti sabiex jippruvawħ.
Fit-tieni parti ta’ din l-attivita’ ħa jiġi mniedi workshop fejn id-diżinjatur tal-apparat Storbju Mike Desira ħa juri kif, bi ftit ħila u mingħajr l-użu ta’ saldaturi, jista jinbena apparat li jiġġenera ħoss elettroniku li jissejjaħ ‘Dub Siren’. Mike ħa jurik kif taqra ċirkujt sempliċi u tibni din is-sirena li tintuża ħafna ukoll fix-xena tal-mużika dub. Din tinbena pass-pass fuq breadboard minn kit li ħa jingħata waqt dan il-workshop (li ġie msejjaħ Balomba – din kienet is-sirena li kienet tindaqq fit-Tarzna). Dan il-kit se jikkonsisti wkoll minn speaker żgħir u batterija. Dawk li ħa jattendu jkunu jridu jixtru l-kit ‘Balomba’ li ħa jkun affordabbli ħafna. Aktar informazzjoni wieħed ukoll jista jitloba fuq l-email ta’ EMM [email protected].
Id-dħul għal din l-attivita huwa b’xejn, pero għall-parti tal-workshop, dawk preżenti jkunu jridu jibbukkjaw il-kit ta’ ‘Balomba’ kif imsemmi aktar qabel.
Electronic Music Malta hija appoġġjata mill-Kunsill għall-Arti ta’ Malta. Dan l-avveniment huwa parti mill-programm Circuits 2024 fi Spazju Kreattiv.
Informazzjoni fuq il-Biljetti
Informazzjoni fuq il-Post