Is-Sejħa għall-Proposti tal-Biennale OSTRALE 019

- This event has passed.
Is-Sejħa għall-Proposti tal-Biennale OSTRALE 019
12 May 2018 - 15 June 2018

Miftuħa s-sejħa għall-proposti artistiċi
Spazju Kreattiv u OSTRALE qegħdin jaċċettaw proposti għall-edizzjoni tal-2019 tal-Biennale OSTRALE, ta’ bejn it-28 ta’ Ġunju u d-29 ta’ Settembru 2019 ġewwa Chemnitz, il-Ġermanja.
Din is-sejħa hija frott il-kollaborazzjoni kontinwa bejn Fondazzjoni Kreattività u ċ-Ċentru tal-Arti Kontemporanja ta’ Ostrale, li laqa’ fi ħdanu xogħlijiet ikkurati minn Ostrale u ppreżentati matul VIVA – il-Festival Internazzjonali tal-Arti Viżiva ġewwa l-Belt Valletta u organizzat minn Fondazzjoni Kreattività (2017 u 2018), u matul l-esebizzjoni Found ă mentalism II ta’ Spazju Kreattiv (Ġunju-Lulju 2018).
L-edizzjoni tal-Biennale OSTRALE tal-2019 tkompli tinvestiga l-‘iżmi’ filwaqt li toffri opportunitajiet lil artisti stabbiliti daqskemm emerġenti sabiex jippreżentaw xogħolhom ġewwa l-Ġermanja; opportunità li tista’ sservi ta’ ġid għall-iżvilupp u l-esperjenza tal-artist. Ara l-istqarrija kuratorjali hawn taħt għal iktar dettalji.
Xi xogħlijiet se jingħażlu minn din is-sejħa bl-għan li tikber il-lista ta’ xogħlijiet minn Malta magħżula permezz tal-programm ta’ Spazju Kreattiv.
IS-SEJĦA HIJA MAGĦLUQA
L-isfond
Iċ-Ċentru tal-Arti Kontemporanja ta’ Ostrale huwa primarjament responsabbli għall-ħolqien ta’ spazju għal proġetti li jaqsmu l-fruntieri. Permezz ta’ dan, iċ-ċentru qiegħed jgħin sabiex tinħoloq atmosfera kulturali miftuħa fejn pożizzjonijiet artistiċi differenti jidħlu fi djalogu ma’ xulxin. Barra minn hekk, dan iċ-ċentru jfittex jiskopri rabtiet mal-arti li teżisti madwarna, filwaqt li joħloq rabitet max-xjenza, mal-edukazzjoni u mas-sehem fis-soċjetà.
Fondazzjoni Kreattività stabbilixxiet iċ-Ċentru Nazzjonali Malti tal-Kreattività fis-sena 2000. L-attivitajiet li jiġu organizzati hawnhekk jinkludu skambji tal-artisti bejn pajjiżi differenti u l-ikkultivar ta’ sens ta’ identità kulturali b’għeruq f’dimensjonijiet lokali u fid-diversità internazzjonali. Fondazzjoni Kreattività sservi wkoll ta’ katalist għal kull forma t’espressjoni, billi tipprovdi l-ispazju u tferrex l-esperjenza bl-għan li tilħaq lin-nies kollha u tinvolvihom f’parteċipazzjoni interattiva filwaqt li toffri djalogu kontinwu bejn dixxiplini artistiċi varji b’tali mod illi tinkoraġġixxi r-riċerka u d-dokumentazzjoni relatata mal-arti u mal-kreattività popolari. Dan isir fl-istess ħin li titrawwem kuxjenza kulturali u estetika fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ.
Dikjarazzjoni kuratorjali tal-kunċett tal-‘iżmi’
Filwaqt li r-realtà virtwali u r-rivoluzzjoni diġitali qegħdin kulma jmur iġibu fix-xejn id-differenzi ta’ bejn ir-realtà u l-finzjoni, ir-rilevanza tal-‘iżmi’ stabbiliti qiegħda kulma jmur dejjem tiżdied. L-‘iżmi’ huma evokati bl-għan li jiġu protetti l-valuri u l-perspettivi dinjin, filwaqt li jingħata appoġġ lil imġiba u attitudni speċifika. Dawn l-‘iżmi’ huma fil-biċċa l-kbira tagħhom applikati bħala twemminiet, konfrontazzjonijiet, valuri soċjali jew kategoriji artistiċi. Madanakollu, anki forsi minħabba din il-qawwa tal-ispirtu individwali u rabtiet kollettivi, l-‘iżmi’ huma meqjusin ukoll bħala forza liberatorja li tagħti definizzjonijiet ġodda lill-valuri.
Il-ħolqien tal-arti huwa amplifikat permezz tal-mezzi diġitali, il-ħila estiża u l-perċezzjoni mkabbra. Żviluppi fil-mezzi diġitali jappoġġjaw il-kilba li għandna sabiex nisfidaw il-limiti. L-arti x’inhi kapaċi tagħmel? L-arti x’inhi mħollija tagħmel?
Huwa minnu li l-esebizzjonijiet sempliċiment jimxu mill-Kubu l-Abjad lejn id-dinja virtwali, l-istruttura pubblika tal-belt u l-isfera privata tal-appartamenti? Għandna nidderieġu l-kunċett awmentat tal-arti bħala destin universali tal-kreattività umana lejn l-aspetti kollha tar-realtajiet tagħna u tal-‘iżmi’?
L-għanijiet tat-tieni Biennale OSTRALE fl-2019 huma li jkunu esebiti l-identitajiet kulturali ta’ arti kontemporanja ġdida daqskemm stabbilita f’diskors konġunt dwar l-‘iżmi’ kollha li jinfluwenzawhom u jmexxuhom, sabiex b’hekk jiġi ppreżentat dan id-diskors, u jipprovokaw azzjoni konxja fl-udjenzi tagħhom.
Il-proposti li jiġu aċċettati jibbenefikaw minn:
- Miżata tal-artist
- Trasportazzjoni u ġarr tax-xogħol artistiku
- Assistenza teknika għall-armar u ż-żarmar
- Assigurazzjoni fuq ix-xogħol artistiku
- Titjiriet, akkomodazzjoni u ammont ta’ flus kuljum f’każ ta’ proġetti li jeħtieġu lill-artist/i sabiex ikunu preżenti ġewwa l-Ġermanja waqt l-armar.
Linja taż-żmien u dati ta’ skadenza
- Il-Ġimgħa 15 ta’ Ġunju 2018 f’nofsinhar – Id-data u l-ħin ta’ skadenza għal dawk l-artisti interessati sabiex jissottomettu l-proposti tagħhom għall-parteċipazzjoni matul il-Biennale OSTRALE 019
- Il-Ġimgħa 29 ta’ Ġunju 2018 – Il-Bord Malti tal-Għażla jasal għal lista qasira ta’ artisti prospettivi
- Il-Ħadd 15 ta’ Lulju 2018 – OSTRALE u l-grupp kuratorjali ta’ Spazju Kreattiv jiffinalizzaw l-għażla tagħhom tal-artisti u tax-xogħlijiet minn Malta għal OSTRALE 019.
- Il-Ġimgħa 27 ta’ Lulju 2018 – Id-deċiżjonijiet meħuda dwar il-proposti mressqa jiġu żvelati lill-applikanti kollha.
IS-SEJĦA HIJA MAGĦLUQA