Joséphine A. Garibaldi & Paul Zmolek (USA)

Artisti f’Residenza, 2022

DWAR IL-PROĠETT

Joséphine A. Garibaldi u Paul Zmolek ilhom joħolqu prestazzjonijiet inter-medja flimkien bħala Callous Physical Theatre għal iktar minn 30 sena. Il-proċess artistiku kontinwu tagħhom jesplora stejjer ta’ Sens tal-Post permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ xulxin, mal-komunità, mal-persuni kreattivi lokali u mal-Post innifsu. Kif mistqarr fil-manifest tagħhom:

Ix-xogħol huwa tal-Post.

Jekk huwa barra mill-Post, ma jibqax ix-xogħol.

Ċedi għas-sitwazzjoni.

Ħalli x-xogħol jibqa’ fil-Post li qiegħed.

Flimkien, se jesploraw “stejjer” ta’ Sens tal-Post partikolari għal Għawdex permezz ta’ diversi mezzi bħat-testi, il-ħsejjes, il-viżwali u l-movimenti tal-ġisem biex joħolqu prestazzjoni ta’ dak ix-xogħol permezz ta’ taħlita ta’ spettakli live, wiri tal-films, u installazzjonijiet.

L-avveniment u l-preżentazzjoni tal-ftuħ se jsiru fil-Valletta Design Cluster l-Erbgħa 18 ta’ Jannar 2023 fis-6pm.

Joséphine A. Garibaldi u Paul Zmolek, artisti ta’ installazzjonijiet ta’ prestazzjoni transdixxiplinari mill-Istati Uniti, se jaqsmu l-approċċ ta’ “tfassil dijaloġiku” tagħhom għall-esplorazzjoni ta’ Sens tal-Post ma’ kollaboraturi madwar id-dinja kollha. Il-preżentazzjoni se tinkludi eżempji bil-vidjo ta’ proġetti li għaddew,  filwaqt li jħarsu ’l quddiem lejn il-proġett tagħhom ibbażat f’Għawdex.

Dawk interessati li jattendu huma mitluba jirreġistraw fuq [email protected]

Mistoqsijiet u Tweġibiet mal-artisti

1) Għidulna xi ftit dwarkom.

Fil-ħidma tagħhom ma’ Callous Physical Theatre, Joséphine A. Garibaldi u Paul Zmolek  juru d-dedikazzjoni tagħhom lejn it-trawwim tal-kollaborazzjoni bejn il-komunitajiet, id-dixxiplini u l-kulturi b’mod reġjonali, nazzjonali u internazzjonali permezz ta’ prattika dijaloġika għall-ħolqien tal-arti, għar-riċerka u għall-pedagoġija. Garibaldi u Zmolek fasslu poeżija testwali, bil-ħsejjes, tal-movimenti u viżiva, installazzjonijiet ambjentali u ta’ prestazzjoni, xogħlijiet teatrali u diġitali oriġinali flimkien għal iktar minn tliet deċennji.

2) Għidulna xi ftit dwar il-prattika tal-arti tagħkom u dwar dak li jinspirakom.

Ix-xogħol tagħna huwa kollaborattiv, transdixxiplinari u jinkludi bosta vuċijiet. Aħna nfittxu li noħolqu xogħol li huwa dijaloġiku, billi jipprovdi multipliċità ta’ perspettivi iktar milli opinjoni waħda. Għalhekk, aħna nistinkaw biex noħolqu xogħol li ma joperax fil-livell ta’ fuq nett iżda taħt il-wiċċ u bejn il-linji biex jinfirex b’mod fluwidu fuq bosta suġġetti u kwistjonijiet rilevanti. Il-qasam primarju tagħna hu l-Ispettaklu, li jinkludi ż-żfin, it-teatru u l-arti fl-istudjo. Minkejja dan, ir-riċerka artistika tagħna ma tiqafx fid-dixxiplina iżda hi bbażata fuq it-testi, il-ħsejjes, il-moviment, l-arti viżiva 2D u 3D, u timmanifesta ruħha f’installazzjonijiet reali u virtwali. Il-proġett tagħna huwa li nċedu għall-Post u li noħolqu xogħol reattiv għall-Post. Iggwidati mill-islogan ta’ Callous Physical Theatre “Immorru fejn jeħodna x-xogħol,” ir-residenzi artistiċi bħall-programm AiR offruti minn Spazju Kreattiv, huma essenzjali għall-prattika artistika tagħna. Kull xogħol joħroġ mill-interazzjoni mal-post u mill-istejjer li jirriżultaw. Għalhekk, kull residenza hi unika u peress li hi speċifika għas-sit u għall-komunità, teħtieġ approċċi differenti għat-twettiq tax-xogħol.

Matul ir-residenzi li għaddew, dan l-approċċ kien artistikament eżileranti u inkredibbilment prolifiku, u wassal għall-installazzjonijiet ambjentali u/jew ta’ prestazzjoni ta’ insiġ u manipulazzjonijiet tridimensjonali ta’ fibri u oġġetti misjuba, essays ta’ ritratti u vidjos, partituri tal-ħsejjes, prestazzjonijiet live u vidjo, kliem mitkellem u miktub.

3) X’tixtiequ tieħdu mir-residenza tagħkom f’Malta?

It-tema tal-proġett tagħna hi “Għawdex: Sens tal-Post”, li se jwassal għal installazzjoni ta’ prestazzjoni inter-medja li tirrispondi għal siti speċifiċi f’Għawdex maħluqa minna u minn kollaboraturi lokali. Mal-kollaboraturi tagħna se nesploraw “stejjer” ta’ Sens tal-Post partikolari għal Għawdex permezz ta’ diversi mezzi (bħat-testi, il-ħsejjes, il-viżwali u l-moviment tal-ġisem). Permezz tal-gwida u tad-direzzjoni tagħna, se noħolqu xi tip ta “prestazzjoni” ta’ dak ix-xogħol permezz ta’ taħlita ta’ spettakli live, wiri tal-films, u installazzjonijiet.

Il-programm ta’ Residenza Artistika ta’ Spazju Kreattiv qed jiġi organizzat f’kollaborazzjoni mal-Valletta Design Cluster u mal-Ministeru għal Għawdex

This image has an empty alt attribute; its file name is download-5.png
This image has an empty alt attribute; its file name is download-6.png